Il-Kantilena tad-Dritt

cantilena aftrol

Issa ġejna f’sitwazzjoni illi kullimkien, nafuha,
Qegħda tmexxi inkontrastata l-era ġdida, dik tal-kruha.
Kruha mhux biss f’ta’ madwarna, fejn tgeżwirna bis-siment,
Imma fl-ogħla istituzzjoni, tal-abbuz il-munument.
Illum jekk int rgħib u vili, tara biss il-komdu u l-flus,
Tiġi osannat għax bieżel, inċensat talli qazquz.
Jekk frodajt u ksirt il-liġi, waqqajt għaż-żufjett dil-gżira,
‘Heqq jaħasra għandu familja, għamel hekk ħa’ jdawwar lira’.
Jekk int traditur bil-provi, ġakbin biċ-ċertifikat,
Premjijiet u posts mill-ogħla, tal-azzar l-eqqel suldat.
Jekk vjolenti u prepotenti, ma’mpurtax għax tkun ta’ ġewwa,
Jekk jitgħawwġu irranġajna, ‘mma jekk le, mexxi bid-dnewwa.
Jekk trid xogħol, kemm tlissen kelma, et voilà: person of trust.
Ejja magħna, l-bokka wiesa’ għal ġol-barrel of disgust.
Hekk jew hekk, hemm il-fiduċja li l-pajjiż ma jagħtix każ,
Li l-Maltin dejjem qed jgħajjtu, imma n-nies dejjem bi ngħas.
Super island with great commerce, ħafna minna minn għalina,
Imma qed niżżerżqu f’niżla li twassalna l-Argentina,
Iz-Zimbabwe u f’dittaturi, fejn min hu mill-agħar jiggverna,
U jiċċelebra għax jafda, f’dik il-laissez faire eterna
L’hija ftit it-trademark tagħna, tar-relaxing island life,
Ta’ pajjiz-karkur bla hassle, speċjalment madwar is-sajf.
Sadattant min għadu raġel, min hu serju u għandu kuxjenza,
Jrid jaffronta mewġ ta’ gideb, u jiskonta dis-sentenza
Li tingħata lil min b’sinsla, għadu jagħmel differenza,
U għalhekk kalunnji, inġurji, kliem mibżuq b’anki vjolenza,
U l-batut, miskin, li jafda, lil min wegħdu s-salvazzjoni,
Żommu mxebba’ u njorant pesta, nevitaw kull tip t’azzjoni.
Wegħdu ibħra kbar ta’ bnadar, u imkatar kuluriti,
Solidarjeta’ bonsai, sadattant orbotlu l-viti.
Damdam slogans kommoventi, u urih li’ ed tieħu ħsieb,
Għidlu xi ġmiel ta’ tfal għandek meta tmurlu wara l-bieb,
Żommu sod fil-preġudizzju u konvint fl-użu tal-bluha,
B’hekk tiżgura poter itwal u t-trijonf bla tarf tal-kruha.

Ġo dil-ħajja trid taċċetta ċerti ħwejjeġ bħala fatt.
Kollox jgħaddi, kollox tidra, pero’ il-kruha le, dik qatt.
Ma tistax toqgħod pass lura jekk bi ħsiebek tgħix ta’ nies.
Huwa dmir li jiġi mxejjen dan il-madmad hekk moqżież.
Il-korrotti hemm bżonn li jinżlu minn dal-pedestall tal-jaqq.
Illi jiffaċċjaw egħmilhom u li jieklu l-ħobż tal-ħaqq.
Kulmin jaħsel jibqa’ sieket għax il-gvern itih il-manna,
Qed ilibbes lil uliedu l-ħwejjeġ ħorox tal-kundanna.
Qiegħed jgħallem lin-nies t’għada li l-medjokrita’ vittorja,
U li ħajtek int trid tgħixha b’ħafna flus u mingħajr glorja,
Li l-kodard u l-giddieb bravu u li dejjem tirbaħ trid,
Illi li taħseb għal rasek l-ogħla kmandament tal-ġid.
Li aħjar tkun loser għani għax imxejt lejn fejn ħaduk
Milli timxi b’saqajk proprja avolja fl-art hemm xewk u zkuk.
Jekk hemm ruħ, din mhix opzjoni, lanqas għall-aħħar tal-vili.
Aħseb sewwa f’li qed tagħmel, għaliex mhux eterni l-mili.
Għax m’intix se tieħu euri, meta jasal it-tebut.
Int warajk ‘l uliedek tħalli, u il-kruha, meta tmut.

Pietru Caxaru

Leave a comment